In-Nadur, it-tieni l-aktar raħal popolat f’Għawdex, jinsab fuq il-quċċata ta’ promontorju. Ismu ġej mill-kelma Maltija ‘nadar’, li tfisser tħares fit-tul u żżomm għassa. Mir-raħal wieħed jista’ jgawdi veduti fuq il-parti l-kbira ta’ Għawdex u lil hinn minnu.
Il-Bażilika monumentali tan-Nadur hi ddedikata lill-Appostli San Pietru u San Pawl. L-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet f’Diċembru 1760, għalkemm il-faċċata u n-navi nbnew fil-bidu tas-seklu 20 fuq pjanta tal-perit magħruf Malti Francesco Saverio Sciortino.
Il-Parroċċa tan-Nadur twaqqfet mill-Isqof Davide Cocco-Palmeri fit-28 ta’ April 1688. Għal xi snin, il-Knisja tal-Kunċizzjoni fil-Qala, li dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-istess territorju, serviet bħala s-sede tal-parroċċa. Il-knisja preżenti ġiet iddedikata fit-12 ta’ Mejju 1867. Hija saret Arċipretali fid-19 ta’ Diċembru 1893. It-tielet Kolleġġjata ta’ Għawdex twaqqfet fid-19 ta’ Settembru 1894, u fis-26 ta’ Ġunju 1967 il-knisja nagħatat it-titlu ta’ Bażilika Minuri.
Il-pitturi tal-koppla u tas-saqaf, xogħol il-pittur Malti Lazzru Pisani, juru episodji mill-ħajja tal-Appostli Mqaddsa San Pietru u San Pawl. Il-knisja hija miksija kollha bl-irħam u fiha wkoll pulptu maħdum fl-irħam.
Il-Knisja Parrokkjali hija wkoll sid il-Mużew Marittimu ta’ Għawdex, li jinsab ftit ’il bogħod mill-pjazza tar-raħal. Dan ġie mogħti b’donazzjoni lill-Parroċċa minn Michael Grima.