Iż-Żebbuġ jinsab fuq għolja fit-tramuntana ta’ Għawdex. Ismu ġej mill-kelma Maltija ‘żebbuġ’, li tfisser siġar taż-żebbuġ jew il-frott tagħhom.
Ir-raħal huwa mibni fuq żewġ għoljiet li jmissu ma’ xulxin u minn fuqhom wieħed jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ tal-kampanja Għawdxija u tal-Baħar Mediterran. Fuq in-naħa tal-għolja li tħares lejn il-Fanal tal-Ġurdan, f’post magħruf bħala s-Sagħtrija, kien hemm depożitu ta’ onice, ġebla semiprezzjuża li nstabet mis-sid tal-għalqa fl-1738. Minn dan l-onice nħadmu bosta opri artistiċi li jinsabu fi knejjes f’Malta u f’Għawdex.
Il-Knisja Parrokkjali, iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, hija magħrufa għall-użu estensiv ta’ din il-ġebla semiprezzjuża. L-altar maġġur, il-kor u l-fonti tal-magħmudija huma kollha maħduma mill-onice taż-Żebbuġ.
Il-Parroċċa taż-Żebbuġ twaqqfet mill-Isqof Davide Cocco-Palmeri fit-28 ta’ April 1688. Il-bini tal-knisja preżenti beda fl-1690, u ġiet iddedikata fit-30 ta’ Settembru 1726. Minbarra l-Katidral, hija l-eqdem knisja parrokkjali ddedikata f’Għawdex. Fit-12 ta’ Marzu 1963 ingħatat id-dinjità ta’ Knisja Arċipretali.
Il-kwadru titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni, li jinsab fil-kappella tan-navata tax-xellug, huwa magħruf fost il-poplu bħala tal-Virtut jew tal-Mirakli. Tradizzjoni antika tgħid li diversi persuni sostnew li raw il-wiċċ tal-Verġni fil-kwadru jinbidel għal lewn isfar u ċar qabel ma kienet se sseħħ xi diżgrazzja naturali. Tgħid ukoll leġġenda oħra li darba, meta xi kursara waslu sal-inħawi tar-raħal biex jaħtfu u jeqirdu, dehret mara li kienet tixbah lix-xbieha tal-Madonna fil-kwadru u bdiet titfa’ l-ġebel fuqhom, u b’hekk ġegħlithom jirtiraw.
Iż-Żebbuġin huma magħrufa għall-kwalità għolja tal-bizzilla, tal-insiġ, u tal-kutri tas-suf tagħhom. Il-komunità hija wkoll kburija ħafna bil-wirt reliġjuż tagħha, kif jidher mill-kura li tingħata lin-niċeċ fit-toroq tar-raħal. Fost dawn, tispikka n-niċċa tal-Madonna tal-Ħniena, magħrufa aħjar bħala taċ-Ċiċri.