Aqbeż għall-kontenut

Ix-Xagħra

Ix-Xagħra tinsab fuq għolja fil-parti ċentrali tal-grigal ta’ Għawdex. Isimha ġej mill-kelma Maltija ‘xagħra’, li tfisser art imwarrba jew selvaġġa, b’referenza għall-istat tal-għolja qabel ma bdiet tiġi abitata. Ir-raħal huwa magħruf madwar id-dinja minħabba t-Tempji tal-Ġgantija, li l-bini tagħhom beda madwar 5,600 sena ilu. Madwar nofs kilometru fit-tramuntana tat-tempji, fi Triq il-Qaċċa, jinsab iċ-Ċirku tax-Xagħra, iċ-ċimiterju taħt l-art tal-bennejja tat-tempji. Fit-tarf tar-raħal, fuq ir-riħ tar-Ramla, hemm ukoll l-Għar leġġendarju ta’ Kalipso.

Ix-Xagħra għandha Knisja Parrokkjali mill-isbaħ iddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, magħrufa lokalment bħala l-Vitorja. Dan it-titlu jfakkar ir-rebħa storika miksuba fit-8 ta’ Settembru 1565, jum it-Twelid ta’ Marija, meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin għelbu fl-Assedju l-Kbir armata Torka ferm akbar u salvaw lil Malta u parti kbira mill-Ewropa mill-ħakma Ottomana.

Il-Parroċċa tax-Xagħra twaqqfet mill-Isqof Davide Cocco-Palmeri fit-28 ta’ April 1688. Fil-bidu tagħha kienet imwaqqfa fil-Kappella ta’ Sant’Anton Abbati. Il-knisja preżenti, bħalma ġara f’ħafna parroċċi oħra, inbniet billi kibret fuq u madwar knisja eqdem, li tissemma għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-seklu 17. L-ewwel ġebla tal-binja preżenti tqiegħdet fit-2 ta’ Ottubru 1815, filwaqt li l-knisja ġiet iddedikata fis-26 ta’ Mejju 1878. Fil-11 ta’ Marzu 1893 ingħatat id-dinjità ta’ Knisja Arċipretali, u fis-17 ta’ Marzu 1900 twaqqfet fiha r-raba’ Kolleġġjata ta’ Għawdex. It-titlu ta’ Bażilika ngħata lill-knisja parrokkjali fis-26 ta’ Awwissu 1967.

L-intern tal-knisja huwa miksi kollu bl-irħam, iżda l-aktar teżor għażiż tagħha huwa l-istatwa sabiħa tal-Bambina, li tirrappreżenta lill-Verġni Marija fi tfulitha. Din inġiebet minn Marsilja fl-1878 u hija oġġett ta’ devozzjoni kbira fost il-poplu Għawdxi.

Dettalji ta’ kuntatt
Arċipriet
Il-Kan. Daniel Sultana
9, Pjazza l-Vitorja, ix-Xagħra XRA 1010
t. 2155 1042
e. [email protected]
w. www.xaghraparish.org
fb. facebook.com/xaghraparish
Titular
It-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija (il-Bambina)
Data tad-Dedikazzjoni
26 ta’ Mejju 1878
Radju
Radju Bambina – 98.3MHz FM