L-istorja tal-Katidral tal-Assunta fiċ-Ċittadella tmur lura għall-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu f’Malta. Tradizzjoni antika torbot dan is-sit ma’ tempju Ruman iddedikat lil Ġunone li aktar tard ġie kkonsagrat lill-Verġni Marija, filwaqt li skavi arkeoloġiċi kkonfermaw il-preżenza ta’ fdalijiet Rumani taħt il-knisja. Tul il-Medjuevu, il-knisja kienet il-Knisja Matriċi ta’ Għawdex u ċentru ewlieni tal-ħajja reliġjuża tal-gżira.
Il-knisja Medjevali ġarrbet diversi ħsarat matul is-sekli, fosthom waqt l-attakk tat-Torok fl-1551 u bit-terremot qawwi tal-1693. Dan wassal biex ittieħdet id-deċiżjoni li tinbena knisja ġdida. L-ewwel ġebla tqiegħdet fl-1697 u l-bini tlesta fl-1711 fuq pjanta tal-perit Malti Lorenzo Gafà, wieħed mill-akbar esponenti tal-arkitettura Barokka f’Malta. Fl-1864, mat-twaqqif tad-Djoċesi, il-Knisja Matriċi ngħatat id-dinjità ta’ Katidral u saret is-sede tal-Isqof ta’ Għawdex.
Il-Katidral huwa wieħed mill-isbaħ monumenti Barokki tal-gżejjer Maltin. Mibni kollu bil-ġebla tal-franka, jispikka għall-faċċata eleganti tiegħu u għall-intern armonjuż, li jilħaq il-qofol tiegħu fil-famuża koppla ‘finta’, kapulavur ta’ pittura li toħloq l-illużjoni ta’ koppla vera minkejja li l-knisja għandha saqaf ċatt. Fost il-ġawhar artistiċi tiegħu jispikka wkoll il-kwadru titulari tal-Assunta, xogħol Michele Busuttil, li ilu jżejjen l-altar maġġur sa mill-bidu tas-seklu 18.
Devozzjoni qawwija lejn Santa Marija tibqa’ tħabbat fil-qalba tal-Katidral. L-istatwa titulari tal-Assunta, maħduma mill-Fabbrica di Statue Religiose ta’ Francesco Rosa fl-1897, hija waħda mill-aktar opri maħbuba mill-poplu Għawdxi u toħroġ b’solennità fil-Festa titulari tal-15 ta’ Awwissu, meta l-Katidral isir il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet Marjani tal-gżira.